“Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15)

“Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef.” (2 Timotju 4:1-4)

Introduzzjoni

Minn qalbi nitlob, li l-imħabba tiegħek għal Ġesù Kristu u l-Kelma tiegħu iwassluk biex taqra dan il-ktejjeb u bit-talb tqis il-kontenut tiegħu fid-dawl tal-Bibbja Mqaddsa - Il-Kelma Eterna t’Alla li ma tinbidel qatt!

Dan l-artiklu huwa miktub bl-imħabba, mingħajr ma jikkomprometti l-verità, li għal Alla hija qaddisa!

J’Alla l-Verità u l-Imħabba t’Alla li jinsabu f’dan il-ktejjeb ibierkuk u jqanqluk sabiex timxi mixja eqreb ma’ Ġesù li nsibu fil-Bibbja, u jwassluk sabiex tibda tħobb il-Kelma Tiegħu aktar minn qatt qabel!

“…u ma nkunux aktar trabi mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddiehor fl-izball. Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu. Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz ta’ l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.” (Efesin 4:14-16).

1. Bil-ġuh għall-Verità!

Nixtieq nibda billi ninfurmak, għaziz qarrej, illi dan l-artiklu huwa miktub speċjalment għal dawk li għandhom ġuħ u xewqa ġenwina li jogħġbu lil Alla l-Imbierek u jimxu skond il-Ktieb ispirat minnu – Il-Bibbja Mqaddsa.

Jekk inti persuna li tħobb il-Verità, ser tapprezza dan l-artiklu aktar minn ħafna oħrajn.

Jiena wieħed illi ġej minn sfond reliġjuz, ċioe’ Kattoliku Ruman. Għadni nirringrazzja lil Alla s’issa ta’ dak li kont ġejt mgħallem fit-tfuliti, u tat-trobbija tiegħi bħala Kattoliku Ruman. Alla bidilli ħajti b’mod drammatiku pemezz ta’ l-Imħabba u l-Verità tiegħu, u hija b’din l-Imħabba u Verità sinċiera illi jiena nitlob, għaziz qarrej, li inti wkoll tkun mibdul.

Il-Verità tiegħu hija l-ewwel u qabel kollox persuna, ‘Ġesù Kristu’ l-Iben t’Alla l-ħaj, u t-tieni l-Verità li hija l-‘Kelma tiegħu’, u dawn it-tnejn huma l-istess, ħaġa waħda u nseparabbli f’ħafna modi.
“Wieġbu Ġesù: "Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. ” (Ġwanni 14:6).

Ġesu’ qal ukoll, “Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. ” (Ġwanni 17:17).

Kif bdejt nikber u bdejt naħsibha ndipendentement mill-istatus quo, iddedikajt ruħi għall-istudju, b’mod partikolari fir-reliġjon li kont kbirt fiha matul it-tfulija u z-zgħozija kollha tiegħi. Hekk kif bdejt nistudja, bdejt niltaqa ma’ sejbiet pjuttost sfidanti, li wħud minnhom għall-ewwel sfidawli ħafna l-fidi tiegħi, għalkemm eventwalment Alla uzahom sabiex irriforma u biddel l-kors tal-bqija ta’ ħajti!

Jien verament nemmen illi Alla jħobb lil kulħadd u Hu jħobb ħafna lilek ukoll, għaziz qarrej. Ix-xewqa tiegħu hi li kulħadd jesperjenza l-Imħabba tiegħu bl-istess mod, izda r-realtà hija ‘l bogħod minn hekk.

Alla jħobb anke lil dawk li ma jħobbuhx u lil dawk li ma jafuhx. Hu għamel minn kollox sabiex l-umanità ssir tafu, u tkun salvata minn eternità ta’ separazzjoni minn miegħu fl-Infern, u dan billi zmien wara zmien bagħat profeti (messaġġiera) sabiex in-nies iduru lura lejn Alla u l-Kelma tiegħu; u finalment Hu bagħat lil Ibnu l-Waħdieni (Luqa 20:9-18) biex isalvana mid-Dnub, Satana u l-Infern.

Jiena perswaz illi l-imħabba t’Alla hija tassew kbira u ta’ l-għaġeb, inkella kif qatt seta’ jibgħat fid-dinja biex imut ghal dnubietna, l’Ibnu l-għaziz waħdieni Ġesù?! Bla dubju Alla jħobbhom lill-Kattoliċi Rumani u jien ċert li hemm ħafna Kattoliċi Rumani li esperjenzaw ġenwinament Twelid mill-Ġdid u bdew relazzjoni ma’ Kristu. Naf illi dawn in-nies xi darba ser ikunu fis-sema flimkien ma’ ħafna Kristjani oħra minn denominazzjonijiet varji, bħall-Evanġeliċi, Pentekostali, Protestanti, Battisti, Ortodossi, Luterani, Anglikani, Presbiterjani, Metodisti, Karizmatiċi, eċċ…

Il-konvinzjoni personali tiegħi, bħala raġel t’Alla u bħala wieħed li doqt mill-Imħabba Divina ta' Kristu, hi li Alla huwa ħanin u paċenjuz magħna lkoll. Jien nemmen ukoll li Alla għandu l-poplu tiegħu f'kull denominazzjoni Kristjana, inkluz dik Kattolika Rumana.

Saħansitra nemmen illi l-ħitan denominazzjonali jweġgħu propju l-qalb ta' mħabba ta' Sidna Ġesù u l-għaziz Missierna tas-Sema. Alla għandu knisja waħda biss u m’hijiex distinta mill-pozizzjoni, qawwa, ġid, fama, papalità jew xi isem denominazzjonali partikolari. (Jekk jogħġbok aqra sew 1 Korintin 1:10-15; 3:1-5).

Il-Knisja vera ta' Kristu m’hijiex mibnija bil-ġebel. M’hijiex distinta mill-pozizzjoni jew ġid u għana tad-dinja. Hija mibnija ‘bl-imħabba u l-verità’ (ara 1 Pietru 2:1-10, Efesin 4:14-16) u fuq kollox, hija distinta mill-Imħabba t'Alla illi tgħix fil-qlub ta' dawk kollha li qiegħdu l-fiduċja ġenwina tagħhom fi Kristu bħala l-Mulej u s-Salvatur, permezz ta' l-Ispirtu s-Santu (ara Rumani 5:5).

Hija Knisja Spiritwali u Hija Knisja Sopranaturali! Hija knisja li qiegħda tinbena b’mod sopranaturali permezz ta’ l-Ispirtu Qaddis t’Alla u li hija mwaqqfa fuq Ġesù Kristu nnifsu, l-Iben t'Alla l-Ħaj!

Jiena nemmen b’qalbi kollha, li kull min għandu relazzjoni ġenwina mal-persuna tal-Mulej Ġesù Kristu, huwa parti minn din il-Knisja u Familja!

“Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta' Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien ta' l-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla' f'tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f'dar fejn jgħammar Alla.” (Efesin 2:19-22).

2. L-Istorja

F'dan l-artiklu nixtieq niddiskuti kwistjoni li qassmet il-komunità Kristjana aktar minn elf sena wara Kristu u madwar elf sena ilu. Biex inkun ezatt, din il-kwistjoni ġabet l-ewwel qasma prinċipali fid-dinja Kristjana fis-sena 1054.

Mhux ħafna Kattoliċi Rumani jafu, illi l-Kattoliċizmu Ruman beda madwar elf sena wara Kristu. Għall-ewwel elf sena, il-Knisja kienet essenzjalment waħda. B’dan irrid infisser, li kienet topera bħala knisja b’identità waħda, prinċipalment Kristjana biss (jew aħjar ‘Kristjanezmu Universali’).

Din kellha ħames ċentri storiċi Patrijarkali. Kull ċentru kien immexxi minn isqof. Dawn iċ-ċentri kienu Ġerusalemm, Antijokja, Ruma, Alessandrija u Kostantinopli – li ffurmaw koezjoni sħiħa u kienu f’komunjoni waħda ma' xulxin. Okkazjonalment, biex inkun ezatt, kien ikun hemm gruppi eretiċi jew xizmatici li kienu jimxu għal rashom; imma sas-seklu ħdax il-Knisja kienet f’unjoni.

Imbagħad, fil-milja t’avvenimenti fl-A.D.1054, il-Patrijarka Ruman twarrab mill-erbgħa l-oħra, u e]i;a li jkun il-kap universali u li jkollu awtorita’ Papali fuq il-knisja kollha, avolja din ma kelliex bazi skritturali.

Meta wieħed jagħti ħarsa serja lejn dan l-avveniment storiku li ma jista’ jiċħdu ħadd, jasal għall-konkluzjoni li din hija fil-fatt l-ewwel darba fl-istorja li naraw ‘moviment ta’ knisja’ jitwarrab mill-Patrijarki l-oħra, u jipprotesta sabiex jifforma ‘gvern ta’ knisja’ ndipendenti, biex ngħidu hekk!

Papa jew Isqof?

Naħseb illi wieħed jeħtieġ li jkollu għarfien ċar illi l-kelma ‘Isqof’ u ‘Papa’ m’humiex l-istess ħaġa. Isqof huwa terminu bibliku filwaqt li ‘Papa’ m’huwiex.

Int tista' tistaqsi u tgħid, “Allura? Għalxiex dan l-għaġeb kollu?”

Mela biex inkunu għidna kollox, il-kelma ‘Papa’ la tinsab fit-test u lanqas fil-kunċett. Il-kelma ‘Papa’ tgħodd biss għad-duttrina Kattolika Rumana, u din tfisser xi ħadd bi tmexxija totali u kap (universali) fuq il-Knisja Kattolika ta' Ruma. Huwa m’huwiex ir-ras fuq il-Knejjes Kristjani u denominazzjonijiet oħra Kristjani.

Nota apparti: Kun af, għai ħabib, li hemm Kattoliċi oħra li ma jikkunsidrawx lilhom infushom Kattoliċi Rumani. Il-kelma ‘Kattolika’ tfisser sempliċement ‘Universali’. Hemm Kattoliċi Ortodossi, Kattoliċi Koptiċi, Kattoliċi Luterani, eċċ ... Il-Kattoliċi Rumani u Koptiċi biss jaqgħu taħt it-tmexxija ta’ (xi tip ta') ‘Papa’, madankollu t-tnejn għandhom Papa għalihom (it-titlu uffiċjali tal-Papa Koptiku Ortodoss ta' Lixandra huwa ‘Papa ta' Lixandra u Patrijarka ta’ l-Afrika kollha fuq is-Santa Sede ta' San Mark’).

Skond “E. W. Vine’s Expository Dictionary of New Testament Words”, il-kelma ‘Isqof’ tfisser ‘Ragħaj’ jew xi ħadd li jissorvelja grupp ta’nies. Tista’ tgħid li Isqof huwa xi ħadd li huwa responsabbli għal grupp jew ġemgħa ta' nies li wkoll tissejjaħ - knisja. Ir-responsabbilitajiet tiegħu huma deskritti b'mod ċar fl-1 u t-2 Timotju, l-1 u t-2 Tessalonikin u Titu, kif ukoll f'xi postijiet oħra fil-ktieb ta' l-Atti u fl-Epistola ta' l-Appostlu Pietru. L-1 u t-2 Timotju kif ukoll l-1 u t-2 Tessalonikin huma msejħa ittri pastorali.

Isqof huwa xi ħadd li għandu sorveljanza u awtorità fuq reġjun partikolari ta' knisja jew knejjes partikolari BISS- li skritturalment, ġeneralment kien ikollu nvolviment dirett fil-bini ta' dawn il-komunitajiet. Fi kliem ieħor, ix-xogħol ta' isqof hu li jwassal in-nies għall-għarfien ta' Kristu u jħarriġhom sabiex ikunu dixxiplinati, jew inkella DIXXIPLI, u jimmaturahom sa ma jaslu biex ikunu mexxejja għall-Kristu.

Essenzjalment, huma għandhom jgħallmu l-Kelma t'Alla (mhux l-opinjoni tagħhom jew tradizzjoni tal-knisja, jew xi 'rivelazzjoni ġdida' li tmur kontra t-tagħlim ta' Kristu) u jagħmlu x-xogħol ta' Evanġelist u Ragħaj fl-istess ħin. Din hija essenzjalment il-ħidma ta' Ġesù Kristu rduppjata! (Ara 1 Pietru 2:25).

F’sens ieħor u f'ċerti gruppi jew denominazzjonijiet Kristjani, il-kelma għal Isqof tista' tiġi mibdula ma’ Appostlu, li llum il-ġurnata nsejħulu ‘missjunarju’ (Nota apparti: Mhux kull missjunarju huwa Appostlu, u definittivament, mhux kull wieħed li jmur fuq vjaġġ ta’ missjoni huwa Appostlu. Id-differenza hija li missjunarju jara li hemm il-ħtieġa u jmur. L-Appostlu jmur biss jekk ikun mibgħut minn Alla).

Il-verb korrispondenti huwa 'episkopeo', li b’referenza għax-xogħol ta' Isqof, jinsab fl-1 Pietru 5:2, “Ħudu ħsiebha l-merħla ta' Alla fdata f'idejkom”.

Nerġa’ nirrepeti għalhekk, li Isqof huwa terminu bibliku kemm fit-test kif ukoll fil-kunċett, mentri ‘Papa’ m’huwiex! Fil-fatt, il-kelma ‘Papa’ ġejja mill-kelma ‘papà’ li tfisser ‘Missier’, u Ġesù jagħmilha ċara ħafna, b’kull rispett dovut lill-ħbieb tagħna Kattoliċi, li f’din id-dinja, meta nitkellmu f’sens u kuntest spiritwali jew religjuz, aħna m’għandna nsejħu lil ħadd ‘Missier’ jew agħar minn hekk, (Holy Father or Most Holy Father), ‘Missier Qaddis jew ‘Il-Qdusijja Tiegħu il-Papa’ (Mhux b’dispezz qiegħed ngħidu dan). Għalfejn? Mela, ejja nħallu lil Ġesù nnifsu jagħtina risposta għal din:

“U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet." (Mattew 23:9).

Ħadd fil-Bibbja kollha ma qatt jissejjaħ, ‘Missier Qaddis’, ħlief Dak li lilu biss jistħoqqlu jissejjaħ b’dan it-titlu ta’ l-għola unur, Alla Il-Missier Etern!

Ġesù ndirizza lil Missieru biss bħala "Missier Qaddis" fi Ġwanni 17:11.

Għalhekk, issa nerġgħu lura għall-mistoqsija oriġinali ...

3. Pietru kien l-ewwel Papa?

Qatt kien Pietru l-Appostlu Papa wara kollox?

Mingħajr ebda dubju din hija probabbilment l-aktar mistoqsija mportanti illi nwieġbu meta nitkellmu dwar il-pretenzjonijiet tal-Knisja Kattolika Rumana.

Huwa faċli li wieħed jara għaliex, peress li ħafna mid-duttrina u l-prattika tal-Knisja Kattolika Rumana jibbazaw fuq it-twemmin illi l-Papa jitkellem għal Kristu. B’dan, aħna mhux qed infissru li ma jistax jitkellem għal Kristu, għax wara kollox, skond il-Bibbja kulħadd jista’ jitkellem għal Kristu, iġifieri kull min Ġesu jagħzel li jagħmel hekk, jew aħjar, kull min Alla jsejjaħ biex jitkellem għalih. Lil kull min Kristu jsejjaħ, kollha jitkellmu u jxandru Il-Kelma t’Alla, għalmenu hekk għandu jkun, kemm fit-teorija u kif ukoll fil-prattika. Ara 2 Korintin 5:18-20.

Madankollu, din tista’ ssir ħaġa serja għal persuna li qiegħda tfittex b’mod ġenwin, minħabba l-fatt illi, li għal ħafna nsara din tfisser li ma tobdix lil Papa hija meqjusa daqs li kieku ma tobdix lil Kristu stess jew lil Alla nnifsu.

Jekk, min-naħa l-oħra, Pietru ma kienx l-ewwel Papa jew saħansitra qatt ma kien Papa, l-insara jkunu jistgħu jagħmlu l-affermazzjoni leġittima illi l-Papa uzerpa (jiġifieri ‘uzu ta’ xi ħaġa mingħajr id-dritt li tagħmel dan) l-awtorità ta' Kristu u zied l-awtorità aktar milli kienet mogħtija lilu.
Żewg punti mportanti li wieħed għandu jiddiskuti huma:
1. Biblikament u storikament, Pietru qatt kien maħtur Papa?
2. Jekk kien l-ewwel Papa, l-uffiċċju tiegħu kien intenzjonat li jkun perpetwu u li jkompli matul l-istorja tal-knisja?

Naturalment, jekk ngħidu sempliċement illi Pietru kien il-mexxej tal-Kristjani tal-Bidu, dan ma jimplikax awtomatikament u neċessarjament illi kellu jkun hemm mexxej bl-istess awtorita’ ta’ Pietru għal kull zmien suċċessiv. Fl-Evanġelji naraw tlett mexxejja oħra prominenti mit-tnax-il Appostlu, li spiss kienu jħobbu jgħidu tagħhom. Pietru kien wieħed minn dawk l-eqreb ta’ Ġesù. It-tnejn l-oħra kienu Ġakbu u Ġwanni. (Ara Mattew 17:1, Mark 5:37, Mark 13:3, Luqa 8:51, 9:28, eċċ.)

Mattew 17:1-2, “Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u 'l Ġakbu u 'l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.”

Mark 5:37, “U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, hu Ġakbu.”

Mark 13:3-4, “Kif kien qiegħed fuq l-Għolja taz-Zebbuġ, biswit it-tempju, Pietru, Ġakbu, Ġwanni u Indrì resqu jistaqsuh għalihom waħedhom: "Għidilna dan meta għad jiġri u x'se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal?"

Luqa 8:51, “Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u 'l Ġwanni u 'l Ġakbu, u lil missier it-tifla u 'l ommha.”

Luqa 9:28-29, “Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u 'l Ġakbu, u tala' fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex.”

Jekk nassumu illi Ġesu’ sejjaħ lil Pietru sabiex ikun il-Papa – il-kap ta’ l-insara kollha – allura Ġesu’ seta’ kellu wkoll l-intenzjoni li dan ir-rwol jitkompla matul l-istorja tal-knisja.

Meta wieħed jistudja l-iskrittura b’mod diliġenti u ntelliġenti (mingħajr ebda preġudizzju religjuz) u l-istorja flimkien ma’ l-arkeoloġija, jiskopri illi l-kariga ta’ Papa qatt ma kienet intenzjonata, u lanqas qatt ma kienet ġiet stabbilita minn Ġesù. Għaldaqstant, jekk dan huwa minnu, l-pretenzjoni l-oħra tal-kontinwità ta' din l-istess kariga, taqgħa awtomatikament.

Għal Kattoliku Ruman fidil bħal ma kont jien, din kienet xi ħaga iebsa u umiljanti ħafna li niskopri lura madwar is-sena tal-1995. Wara kollox, jekk Pietru qatt ma kien Papa, l-uffiċċju leġittimu papali ma kienx jeżisti, u kull kburija religjuġa illi kelli - dik illi kont Kattoliku Ruman il-ħajja kollha tiegħi, sparixxiet instantanjament!

Mela, dak li naraw fl-Iskrittura Mqaddsa huwa li Pietru kien wieħed mit-tnax-il Appostlu ta’ Ġesù Kristu u li Ġesù sejjaħlu flimkien mal-ħdax l-oħra biex isir ‘sajjied tal-bnedmin’... jaqbdu l-ħut għall-Mulej, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu salvati u mifdija għal Alla, bih u permezz tiegħu (Mattew 4:18-20).

4. Fuq din il-Blata

“Iva: Saw lasaw… kaw lakaw…” (Isaija 28:10-13)

B'attenzjoni diliġenti u Biblikament matura, ejjew nagħtu ħarsa lejn dal-passaġġ ta’ l-Iskrittura illi ġej. Huwa propju hawnhekk illi –il ħafna Kattolici li niltaqa’ magħhom jikkwotaw b’mod żbaljat din l-Iskrittura famuża (bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull għaxar Kattoliċi Rumani li kellimt, kwotawh ħażin). Dan huwa dak li ġeneralment insaqsi lil ħafna Kattoliċi Rumani ta’ rieda tajba:

"X’qal Ġesù lil Pietru biex wasslek biex temmen illi Pietru kien il-Blata li fuqha Ġesù bena l-Knisja?"

Dawn normalment ikunu ħfief u ħerqana biex iwieġbuni, u jgħidu dak li kienu ġew mgħallma biex jemmnu, li sfortunatament huwa żbaljat. Huwa hawnhekk li jien spiss nirrealizza li għal darb’oħra hawn xi ħadd li ma jaqrax il-Bibbja u li għal ħafna snin emmen xi ħaga bl-amment, mingħajr ma qatt iċċekkja x’jgħid tassew it-test.

Ħalli nispjega ruħi. Mingħajr kważi l-ebda dubju, il-maġġoranza tal-Kattoliċi Rumani ġenwini jgħiduli illi Ġesù qal lil Pietru, ”Inti Pietru u fuqek se nibni l-knisja tiegħi”.

Tajjeb, għażiż qarrej, imma stenna ftit! Innutajt xi ħaga f’din il-frażi ta’ din ir-risposta s’issa? Tista’ tuża dan l-eżempju u tmur tistaqsi lil kull Kattoliku Ruman li tiltaqa’ miegħu u tara tirċievix l-istess risposta; jekk mhux mija fil-mija tad-drabi, qrib! (Din biss għandha immedjatament tiġbidlek l-attenzjoni li fil-Knisja Kattolika Rumana, il-maġġoranza l-kbira tagħhom qatt ma jaqraw il-Bibbja u ħafna drabi lanqas ix-xewqa ma jkollhom li jagħmlu dan.)

X'inhu s-sors primarju li l-Knisja Kattolika Rumana tirreferi għalih biex turi li lil Pietru għamluh Papa? Dawn jużaw id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù f’Mattew 16. Hawn hu l-passaġġ kollu ta’ l-Iskrittura ħalli xejn ma jiġi kkwotat barra mill-kuntest!

Mattew 16:13-20 jgħid hekk,

“Meta wasal fl-inħawi ta' Ċesarija ta' Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem!" U huma weġbuh: "Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti." Imma intom min tgħidu li jien?" staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: "Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj." U Ġesù wieġbu u qallu: "Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet." Mbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li huwa l-Messija.”

Issa, studenti serji tal-Bibbja għandhom ikunu jafu tlieta jew erba’ regoli bażici ħafna meta jiġu biex jifhmu u jinterpretaw il-Bibbja.

Nru 1. Dejjem saqsi lilek innifsek: Min qiegħed jitkellem? Din bażikament tfisser, li toqgħod attent tinnota li dak li qed jitkellem huiex Ġesù, Mosè, Elija, San Pietru, San Pawl, eċċ…

Iċċekkja u innota wkoll, bħala notifika mportanti, jekk hijiex taħt it-Testment il-Qadim jew il-Ġdid!

Hija ndirizzata taħt il-Liġi ta' Mosè jew il-liġi ta' Kristu u l-Imħabba? (Ref: Aqra Galatin u Rumani speċjalment Rumani 13:8-10 u Rumani 8:2)

Nru 2. Sib lil min hija ndirizzata?

Hija ndirizzata lill-poplu Lhudi (il-Lhud); lid-Dinja, magħrufa wkoll fil-Bibbja bħala dawk li ma jemmnux (jew Griegi/Pagani), jew hija ndirizzata lill-Knisja t'Alla – il-Kristjani – dawk kollha li qiegħdu l-fidi tagħhom fil-Messija u s-Salvatur, Ġesù, l-Iben t'Alla!

Din l-iskrittura turi b'mod ċar li fil-Bibbja hemm indirizzati tlett gruppi ta’ nies distinti. Xi drabi dawn jiġu ndirizzati tnejn tnejn, eż: Lhud u Krsitjani jew Lhud u d-Dinja (Griegi), eċċ ..

“Tkunux ta' tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta' Alla”... (1 Korintin 10:32)

NB. Sew jekk Lhudi jew Ġentili (Grieg jew ma jemminx f’Alla tal-Bibbja li huwa YAĦWEĦ) jirċievi lil Ġesù Kristu, hu jew hi ma jibqax aktar fil-kategorija oriġinali. Per eżempju, wara li jien tajt ħajti lil Ġesù, sirt parti mill-Knisja t’Alla, li nirrepeti, hija magħmulha minn dawk kollha li qiegħdu l-fiduċja tagħhom fil-Mulej Ġesù, bħala s-Sid u s-Salvatur tagħhom!

Nr 3. Sib fuq hiex inhu s-suġġett

eż: Meta Ġesù jgħid, ‘Jien il-bieb’ fi Ġwanni 10, is-suġġett m’huwiex il-bieb, imma Ġesù Nnifsu!
Meta Ġesù staqsa, ‘in-nies min jgħidu li jiena?’ f'Mattew 16, ir-risposta li ħarget minn fomm Pietru b’rivelazzjoni mogħtija lilu mill-Missier, ma kellha xejn x'taqsam ma’ Pietru. Is-suġġett xorta kien għadu dwar, Min kien Ġesù?

Issa ejja nħarsu mill-qrib lejn din l-iskrittura:

“Meta wasal fl-inħawi ta' Cesarija ta' Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” (Mattew 16:13)

Allura:
a. Is-suġġett hawnhekk huwa dwar mistoqsija fuq min kien Ġesù. Mhux min kien Pietru!!!
b. Il-Mistoqsija għamiha Kristu stess!

U huma weġbuh, [‘Huma’, qed tirreferi għad-dixxipli, li sa dal-punt kienu kollha Lhud]:

“Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” (Il-Lhud biss kienu familjari ma’ l-ismijiet tal-profeti imsemmija hawn).

“Imma intom min tgħidu li jien (Ġesù)?” staqsiehom. (Għal darb'oħra innota sew kif Ġesù ried ikun jaf jekk huma fil-fatt kienux jafu Hu verament min kien).

U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” (Din hija r-risposta eżatta għall-mistoqsija ta’Ġesù, li għal darb'oħra, kienet dwar min kien Ġesù)

U Ġesù wieġbu u qallu: "Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet."

Innota hawn xi ħaġa nteressanti ħafna, li Ġesù għadu kemm sejjaħ lil Xmun b’isem differenti... li hu l-istess isem li Hu jagħti lil kulħadd, skond il-kliem ta’ l-Appostlu Pietru stess.)

Ara 1 Pietru 2:4-5, “Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-Ġebla Ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiżha. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu.”

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, (Issa nnota sew skond “Strong’s Concordance of Greek words”: Petros (pet’-ros); apparentement hija kelma primarja li tfisser (bi//a minn) ġebla bħala isem, (jew Petrus) u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex.”

Ejja għall-kjarezza naqsmu din f’partijiet :

“u fuq din il-blata”; Ġesù ma qallux, bħal ma ħafna kienu mwassla biex jemmnu b’mod żbaljat, li "fuqek Pietru’, [blata żgħira, ġebla jew żrara-ċaqa]. Imma Ġesù qal, “... u fuq DIN il-Blata”, li tfisser: Petra (pet' ra); (massa ta’) blat (litteralment jew figurattivament). Din qiegħda tirreferi għal Ġesù – Alla nnifsu li minn dejjem kien l-Blata!

Għalhekk is-sentenza kollha fid-dettall tinqara xi ħaga hekk:

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, (pet’-ros); (biċċa minn) blata, ġebla żgħira, li ġejja minni – Ġesù l-Blata Vera,
u fuq ‘DIN il-blata’, (pet’-ra); (massa ta’) blat, il-Ġebla tax-Xewka (Efesin 2:20); il-pedament (1 Korintin 3:11); il-Blata li fuqha jżomm il-bini kollu, li huwa Jiena (2 Samwel 22:47); il-Blata Spiritwali (1 Korintin10:4); Il-Blata Eterna (Dewteronomju 32:15, 33:27); l-UNIKA blata li hemm (Salmi 18:32, Isaija 44:8), Jien – Ġesù - nibni l-Knisja tiegħi.”

(Ara Ġenesi 49:24, Eżodu 33:22, Dewteronomju 32:31, Dewteronomju 32:4, Dewteronomju 32:18, 2 Samwel 22:47, Salmi 18:2, Salmi 18:31, Salmi 18:46, Salmi 18:46, Salmi 19:14, Isaija 26:4, Isaija 44:8, 1 Korintin 10:1-5, eċċ).

Dan huwa dak li xi drabi l-Iskrittura ssejjaġ il-ġebla tax-Xewka, jew il-ġebla tal-Fondazzjoni li l-bini kollu huwa mibni fuqha... ġebla wara l-oħra! Din hija l-Ġebla kbira jew kif hija xi kultant imsejjħa, l-Blata Ġerbubija. Hija ta’ l-istess materjal tal-ġebel żgħar l-oħra u viċe versa, bid-differenza li hija l-akbar ġebla u tista' żżomm struttura sħiħa fuqha!

U din, ħabib tiegħi, definittivament qiegħda titkellem dwar Ġesù, u mhux dwar bniedem, Pietru! (Biblesoft’s New Exhaustive Strong’s Numbers and Concordance with Expanded Greek-Hebrew Dictionary. Copyright (c) 1994, Biblesoft and International Bible Translators, Inc)

Jiena (Ġesù) nibni l-Knisja tiegħi - ta’ min hija l-Knisja? –Il-Knisja ta' Ġesù. M’hijiex il-knisja ta’ Pietru!

...u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex. (Hu ma qalx li s-setgħat ta' l-infern mhux ser jegħlbu lilek, Pietru).

Agħti ħarsa tajba u aqra l-Kelma ta' Alla għalik innifsek. Dawn huma Skritturi famużi, madankollu sakemm wieħed ma jaqrax il-Bibbja jibqa ma jafhomx.

Dawn l-iskritturi kollha, u aktar, japplikaw għal Ġesù, Alla Etern – Il-Blata Eterna!

Dewteronomiju 32:4, [u]“Għax Hu l-Blata tagħna;[/u] perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla ta' kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.”

Dewteronomiju 32: 18,[u] “Int insejt il-Blata li wilditek, insejt 'l Alla li nisslek.” [/u]

2 Samuel 22:47, “Ħaj [u]il-Mulej! Mbierek Hu, il-Blata tiegħi![/u] Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!”

Salmi 18:3, “[u]Il-Mulej blata tiegħi[/u], fortizza u ħellies tiegħi, Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!”

Salmi 18:32, [u]“Għax min hu Alla ħlief Jahweh? Min Hu blata ħlief Alla tagħna?”[/u]

Salmi 18:46, “[u]Ħaj il-Mulej! Mbierek Hu, il-blata tiegħi! [/u] Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!”

Salmi 19:15, “Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, [u]Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi[/u].”

Salmi 28:1, “Ta' David. [u]Lilek, Mulej, nsejjaħ; blata tiegħi[/u], la tittarraxx għalija. Jekk int tibqa' sieket miegħi, inkun nixbah lil min jiznel fil-ħofra.”

Isaija 26:4, “Ittamaw fil-Mulej, għal dejjem, għax il-Mulej hu l-blata ta' dejjem.”

Isaija 44:8, “La tibżghux, la tinkwetawx: Ma ħabbartlekx u ma għarraftekx minn qabel? Intom ix-xhieda tiegħi! [u]Hemm xi alla ieħor għajri, jew xi blata oħra ħliefi? Jekk hemm, ma nafx.” [/u](Din vera togħġobni!)

1 Korintin 10:1-5, “Għax ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, lkoll kienu mgħammda f'Mosè fis-sħaba u fil-baħar, lkoll kielu mill-istess ikel spiritwali - [u]xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu [/u]- madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx ghax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.” BINGO!!!

Kif għadna kemm rajna hawn fuq, anki fit-Testment il-Qadim, meta qed jitkellem dwar Il-Blata, qed jirreferi għal Ġesù nnifsu, etern, ħaga waħda mal-Missier! (Ara wkoll Ġwanni 1:1-4, Kolossin 1:16-18).

Jiena ċert li ma kienx fuq Pietru li bdew jitkellmu! Jekk kif rajna s'issa, Alla biss huwa l-Blata Eterna u m'hemm l-ebda ieħor, allura hija ovvja li Ġesù, li hu Alla, huwa l-unika Vera Blata Eterna!

5. Tħoll u Torbot!

Stqarrija oħra anti-skritturali li ssostni d-duttrina Kattolika hija dik ta’ li “tħoll u torbot”. Il-Kattoliċiżmu jsostni li Ġesù ta l-awtorita’ lil Pietru biss biex iħoll u jorbot! Mela ejja nħarsu mill-qrib lejn dak li tgħidilna verament l-Iskrittura Mqaddsa.

Mattew 16:19-20,“Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Mbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li huwa l-Messija.”

L-argument illi tgħamel il-Knisja Kattolika Rumana huwa dan: Ġesù ta l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet lil Pietru biss. Imma dan m’huwiex minnu! Ġesù ta l-istess awtorità eżatt u ugwali (indaqs) - dik li torbot u li tħoll- lil kull dixxiplu tiegħu; lil dawk kollha li jemmnu fih.

Il-kelma “Muftieħ,” fil-Bibbja tirrappreżenta ‘awtorità’, u f'ħafna postijiet fl-Iskrittura naraw ta’ spiss lil Ġesù jag[ti lid-dixxipli tiegħu u lil dawk kollha li jemmnu fih u jsegwuh, din l-istess ‘awtorità’ li Hu stess kellu waqt li kien fuq l-art. B'mod aktar preciż, Huwa ddelega din l-istess ‘awtorità’ lil dawk kollha li huma Kristjani veri! Ara Mattew 28:18-20, Mark 16:14-20.

Biex iktar nifhmu sew xi trid tgħidilna l-Iskrittura Mqaddsa, Il-kelma ‘tħoll’ tfisser - tkisser, tieqaf, teqred, tiddissolvi, iddewweb. NT: 3089, luo (loo'-o); verb primarju; għal ‘tħoll’ (litteralment jew figurattivament): (Biblesoft’s New Exhaustive Strong’s Numbers and Concordance with Expanded Greek-Hebrew Dictionary. Copyright (c) 1994, Biblesoft and International Bible Translators, Inc.). Din l-istess kelma tissemma wkoll f’Mattew 16:18, 18:18, 21 eċċ!

Żewg eżempji kbar u l-aktar ċari huma:-

1. F’Luqa 13:15-16, “Uċuħ b'oħra !” wieġbu l-Mulej,”Mhux kull wieħed minnkom f'jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?” ...u

2. L-1 Ġwanni 3:8, “Kien għalhekk li deher l-Iben ta' Alla, biex iħott kull ma għamel ix-Xitan.”

Il-kelma użata hawnhekk "biex iħott", hija fil-fatt l-istess kelma fit-test oriġinali Grieg li tintuża x'imkien ieħor fit-Testment il-Ġdid "biex iħoll". Essenzjalment għalhekk, nistgħu ngħiduha b’dan il-mod:-

“Kien għalhekk li deher l-Iben ta' Alla, biex iħoll lin-nies minn kull ma għamel ix-Xitan.”

Filfatt fl-Iskrittura, dan huwa dak li dejjem naraw lil Ġesu’ jagħmel u Hu jikkummissjona lis-segwaġi kollha tiegħu sabiex jagħmlu din l-istess ħaġa eżatt! Ġwanni 14:12-13, Mattew 9:1-2, Luqa 9:1-2 u Luqa 10:1-21, ecc ...!

“Ir-raġuni li l-Iben t’Alla kien immanifestat (deher fostna) kien biex ireġġa’ lura (jeqred, iħoll u jiddissolvi) ix-xogħlijiet tax-xitan (li għamel).” (Bibbja Amplifikata) 1 Ġwanni 3:8.

Naraw ukoll, il-kelma ‘torbot’ tfisser: ‘deo’ (deh’-o); verb primarju; biex jorbot (f’applikazzjonijiet varji, litteralment jew figurattivament): torbot, tkun maħkum, marbut. (Biblesoft’s New Exhaustive Strong’s Numbers and Concordance with Expanded Greek-Hebrew Dictionary. Copyright (c) 1994, Biblesoft and International Bible Translators, Inc.)

Din l-istess kelma ‘torbot’ jew ‘marbut’ tinsab ukoll f'ħafna postijiet fil-Bibbja, bħal f’Mattew 13:30; 16:19; 18:18, Mark 5:03, Luqa 08:28, Luqa 13:16 ... eċċ!

Mark 3:27, “Ħadd ma jista' jidħol fid-dar ta' wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.”

Mattew 18:18, “Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.”

Mark 5:2-4, “Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareg mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu hażin. Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista' jżommu marbut, anqas b'katina, għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu.”

Luqa 4 :18, “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu ikkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin.” (Originarjament meħuda mit-Testment il-Qadim, Isaija 61).

Għalhekk, kemm fil-prattika u anke skond l-iskrittura, ‘li torbot u li tħoll’ kellha kollha x'taqsam ma’ li tħoll lin-nies mill-ħakma ta' l-għadu x-xitan u li torbot il-qawwa ta’ Satana minn fuq l-erwieħ msejkna u innoċenti, li Alla tant ħabb li bagħat lil Ibnu biex jeħlishom permezz tiegħu!

Tkun ħaga tajba li kieku kellek tara l-kleru Kattoliku kollu ‘jingħata l-liċenzja’ biex ikeċċu d-demonji, jfejqu lill-morda u jħollu l-qawwa tax-xitan minn fuq ħafna nies imsejkna, innoċenti, mitlufa u bla tama! (...u mhux lis-saċerdoti Kattolċi biss imma lil dawk kollha minn kull denominazzjoni oħra minn maqwar il-Kristjaneżmu kollu). Fuq kollox hekk naqraw u narawhom jagħmlu l-Appostli u d-Dixxipli kollha ta’ Ġesù Kristu fil-Bibbja! Iżda s’issa, dan il-privileġġ, fil-Kattoliċiżmu jidher li ġie mogħti biss lil ftit saċerdoti tgħoddhom fuq subgħajk, u mhux lil kollha!

Qatt ħsibt għaliex?...

6. L-Awtorità kienet mogħtija lil Pietru biss?

Il-kwistjoni dwar l-argument Kattoliku Ruman huwa li Ġesù ma tgħax biss lil Pietru l-qawwa li jorbot u li jħoll iżda Huwa ta din l-istess setgħa lid-dixxipli kollha tiegħu. Aqra sew iż-żewġ kapitli ta’ wara.

Kif diga’ għidt, Ġesù qal l-istess ħaga, “Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.”(Mattew 18:18).

Ma’ min kien qiegħed jitkellem Ġesù meta għamel din id-dikjarazzjoni? Mattew 18:1 turi li kien qed jitkellem mad-dixxipli tiegħu:

“F'dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: “Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?”

Għal din il-mistoqsija Ġesù ta spjegazzjoni twila dwar ir-rwol tal-mexxejja u hawn Hu reġa’ rrepeta dak li kien qal qabel lil Pietru, li lkoll kemm huma setgħu jorbtu u jħollu; b'hekk dan juri li d-dixxipli kellhom l-istess setgħa li kienet mogħtija lil Pietru.

B’risposta għal din, il-Knisja Kattolika Rumana targumenta li l-isqfijiet u l-kardinali jirrappreżentaw lid-dixxipli l-oħra li għandhom is-setgħa li ‘jorbtu u jħollu’, għalhekk l-argument tagħhom hu, li dawn għandhom setgħat ‘simili’ bħal tal-Papa. Dan minħabba l-fatt illi l-Papa jiġi elett mill-kardinali stess u għaldaqstant huma jagħtu l-poter lill-Papa permezz ta’ elezzjoni. F'ċertu sens għalhekk, huma għandhom is-setgħa li jorbtu u jħollu.

Madankollu, kieku dan kien hekk, aħna nargumentaw illi Gesù lid-dixxipli ma tahomx biss setgħat ‘SIMILI’, iżda setgħat “UGWALI”. Mhux ugwali għas-setgħat ta’ l-appostli biss, iżda l-istess qawwa ugwali li Ġesù nnifsu mexa fiha! (Ġwanni 14:12-13, Luqa 10:17-19, Mattew 10:24, eċċ...)

Ebda wie[ed mill-appostli ma seta’ juża l-awtorità tiegħu fuq il-bqija ta’ l-appostli. Mentri fil-prattika Kattolika Rumana, il-Papa juża l-awtorità tiegħu fuq il-kardinali u l-isqfijiet kollha.

Ħares lejn din l-iskrittura u ara jekk kliem Kristu kienx ċar biżżejjed mad-dixxipli:-

“L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan (qed jitkellem dwar min se jkun l-ikbar u jkollu post ta’ favur u awtorità maġenb Kristu), saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta' kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra.” (Mark 10:41-45)

Dan l-argument m’huwa assolutament xejn ġdid, u lanqas ma oriġina mal-Protestanti jew l-Ortodossi. Imur lura elfejn sena, meta Ġesù għażel u ħatar l-Appostli u d-Dixxipli tiegħu. Qiegħda miktuba fil-Bibbja ghal kulħadd biex jaqra u jistudja!

Minħabba din l-istess kwistjoni, il-Knisja Kattolika Rumana tal-Punent inqassmet minn mal-Knisja Kattolika Ortodossa tal-Lvant (ftit mijiet ta’ snin wara). Fil-Knisja Ortodossa, l-isqfijiet maġġuri fil-provinċji tagħhom dejjem qassmu l-istess qawwa ugwali bejniethom, sakemm l-Isqof ta' Ruma iddikjara lilu nnifsu l-Vigarju ta’ Kristu u ppretenda sottomissjoni min-naħa tal-Isqfijiet l-oħra. L-erbgħa Isqfijiet ewlenin inqatgħu minn ma’ l-Isqof Ruman fuq din il-kwistjoni eretika. Għalhekk tista’ tara kif din il-pretenzjoni min-naħa tal-Knisja Kattolika Rumana iġġib il-firda fi ħdan il-Knisja – il-ġisem universali ta Kristu.

Wieħed possibilment jista’ jaċċetta li l-Papa jippretendi li jkun ir-ras tat-tmexxija fuq il-fergħa tal-Kristjaneżmu li huwa jservi fiha (anki jekk din tqajjem xorta ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġibiet Bibliċi), iżda huwa jeżiġi tmexxija universali fuq il-Kristjaneżmu kollu. U aktar minn hekk, hu allega li huwa biss għandu s-setgħa li jitkellem b’mod infallibli fi kwistjonijiet ta’ fidi u prattika. Huma dawn l-istqarrijiet li ma nistgħux naċċettaw, u m'hemm xejn f’Mattew kapitli 16 u 18 li jagħti l-Papa d-dritt li jagħmel dawn il-pretenzjonijiet.

7. Il-Knisja tibda f’Ġerusalemm

Ejjew inħarsu lejn l-iżvilupp storiku tal-knisja tal-bidu. Huwa nteressanti l-fatt illi l-Knisja Kattolika Rumana tiddikjara l-jedd fuq is-Siġġu ta’ Pietru fil-kwartieri ġenerali f’Ruma meta fil-fatt, il-kwartieri ġenerali oriġinali tal-knisja tal-bidu kienu f'Ġerusalemm b‘Ġakbu bħala l-mexxej u l-ewwel Isqof.

Fil-ktieb ta’ l-Atti kapitlu 15, għandna rekords ta' kwistjoni mportanti li nqalgħet fost l-Appostli u l-fidili tal-knisja tal-bidu. Kif dawn kellhom iġibu ruħhom mal-ġentili li kienu jkunu saru Kristjani?

Pawlu u Barnaba jibdew billi jaqsmu l-istejjer sbieħ tagħhom dwar il-konverżjoni tal-ġentili. Wara ħafna diskors Pietru qam biex joffri l-opinjoni tiegħu; dik li l-ġentili m’għandhomx għalfejn isegwu l-Liġi ta’ Mosè u b’hekk qabel ma’ Pawlu u Barnaba. Imma fl-aħħar, kien Ġakbu li kien ikollu l-aħħar kelma:-

“Meta waqfu huma, qam Ġakbu u qal: “Ħuti, isimgħuni.”(Atti 15:13).

Ġakbu mbagħad jispjega li l-Iskrittura ipprevediet li l-ġentili (il-popli kollha tad-dinja li ma kienux parti mill-razza Lhudija) jsiru Kristjani u lil dawn ma kellhomx iġagħluhom isegwu l-Liġi ta’Mosè.

Minn din il-ġrajja naraw illi l-ewwel kunsill tal-Knisja ma seħħx f'Ruma b’Pietru bħala l-kap, iżda f'Ġerusalemm, b’Ġakbu jidderieġi l-ewwel grupp tal-knisja oriġinali. Pawlu jikkonferma illi Ġakbu kien il-mexxej prinċipali ta’ dak iż-żmien, billi jikteb:-

“meta għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u 'l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b'sinjal ta' l-għaqda ta' bejnietna” (Galatin 2:9).

Din kienet l-użanza ta’ dawk iż-żminijiet, li jqiegħdu l-persuna l-aktar importanti fuq quddiem tal-lista, li sa ċertu punt, din għadha tiġri saż-żminijiet tal-lum. Pietru kien l-ewwel fil-lista tat-tnax –il Appostlu oriġinali, madankollu, Ġakbu kien sar jemmen wara l-qawmien ta’ Kristu, bħal ma ġara lil Pawlu, li oriġinarjament kien jismu Sawlu. Interessanti li fl-Iskrittura, rekords storiċi juru li bilfors li kien Ġakbu l-mexxej, u Pawlu jafferma dan billi jpoġġi ismu l-ewwel fil-lista.

Il-Knisja Kattolika Rumana m’għandix prova skritturali illi Pietru kien l-ewwel Papa meta l-evidenza turi b'mod ċar li lanqas biss qatt kien kap appostlu, għalkemm kien tassew wieħed mill-appostli fundaturi.

L-Iskrittura ma turinix biss li Pietru ma kienx xi ‘Papa’ jew kap Appostlu, iżda saħansitra Pawlu ma jħoss l-ebda theddida biex jeżercita d-dritt tiegħu li jikkoreġi lil Pietru:-

“Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f'wiċċu, għaliex kellu tort.” (Galatin 2:11).

Il-aħwa! Huwa possibbli li xi ħadd illi hu, kif tallega l-Knisja Kattolika, l-ewwel Papa, ikun fi żball dwar xi duttrina ħażina? Imkien fl-Iskrittura ma jidher illi meta Pietru kien jgħid xi ħaġa, kienet tgħaddi awtomatikament u tiġi aċċettata bħala xi ħaġa ‘ispirata minn Alla.’

Jiena nemmen illi kieku verament ħadu din ir-rotta, kien ikun mod faċli ħafna sabiex jitwettaq sabutaġġ kbir fuq il-knisja ta’ Kristu!

Dan speċjalment għaliex, wieħed jista’ jinnota li anki fiż-żmien meta l-kittieba tat-Testment il-Ġdid kitbu t-Testment il-Ġdid, ma bbażawx il-kitbiet u l-ispirazzjonijiet fuq l-esperjenzi tagħhom biss imma ħafna drabi nsibu kemm lil Pawlu kif ukoll lil Pietru jikkwotaw il-kitbiet tal-Liġi, il-Profeti u s-Salmi li jgħidu:-

“Kif huwa miktub!” (Ara Atti 1:20, 7:42, 13:29-33, Rumani 1:17, 2:24, 4:17-23, 09:13 -33, 1 Pietru 1:16, eċċ!)

L-Appostlu jitkellem hawn fi 2 Pietru 1:17-19, “meta hu ħa mingħand Alla l-Missier gieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama' jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq. Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f'post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f'qalbkom titla' l-kewkba ta' filgħodu.”

Araw naqra xi ‘spirtu’ differenti kien hemm fost il-mexxejja tal-knisja tal-bidu, minn dak illi s-soltu naraw illum il-ġurnata!

Ma kienitx l-ewwel darba li fl-ewwel perijodi tal-fidi ġdida tiegħi fil-Mulej Ġesu’ Kristu Rxoxt, lura għal-1995, meta kont għadni injorant ħafna fl-Iskrittura u kont fi tfittxija onesta għall-verita’ bla preċudizzji, li nsaqsi ħafna mistoqsijiet!

Kien jiddispjecini ħafna, u qiegħed ngħid hekk bl-akbar sinċerita’, li sikwiet, meta kont nistaqsi lil xi qassis xi mistoqsija sempliċi imma li ġġiegħlek taħseb, kont niġi milqugħ b’żuvjett sottili u arroganti, u kont nispiċċa nħossni ħazin u perpless filwaqt li nistaqsi ‘dan kif’ u ‘għalfejn’ dan kollu, sempliċement għax stħarriġt dwar kwistjonijiet ta’ ‘Fidi’. Sa saħansitra qaluli, “M’għandekx issaqsi dawn it-tip ta’ mistoqsijiet”, “Ma nistawx inkunu nafuhom dawn l-affarijiet”, “Mhux suppost qed issaqsi dawn il-mistoqsijiet” jew “Min taħseb li int?”.

Dan kien insult għall-intelliġenza tiegħi. Apparentament, jien kont mistenni li nemmen dak kollu li jgħiduli bla ma nagħmel mistoqsijiet, qisni ser nagħmel xi dnub jekk nistaqsi! Il-aħwa, x’differenza mill-Ispirtu veru ta’ Kristu Ġesù, li dejjem qalilna biex nistaqsu u nfittxu! (Mattew 7:11)

X’insult huwa għall-intelligenza ta’ dak li jkun meta jiġi mmanippulat u ntimidat b’mod sottili, u mistenni li jemmen kull ma jintqallu. U jekk jistaqsi, jiġi mġiegħel iħossu ħażin u xi drabi anki stmat bħala wieħed inferjuri. L-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-Verità u kull min jitkellem il-Verita’ m’għandu xejn x’jaħbi jew jistħi li juri; sakemm ma jkunx hemm xi ħaga mistura li ma jridx lil dak li jkun ikun jafha!

Lil dawn in-nies inħobbhom u naf illi anki Alla jħobbhom; iżda jien inservi biss Mulej WIEĦED u l-isem tiegħu huwa ĠESU’!

M’hiniex ninkoraġġi ribelljoni, għaliex jien nemmen fis-sottomissjoni fi Kristu lejn l-awtoritajiet tiegħi, imma dawn huma nies li ssottomettew lilhom infushom lejn Alla u għamlu d-deciżjoni distinta u radikali f’ħajjithom li ma jkunux interessati li jgħoġbu lill-bniedem imma pjuttost li jgħoġbu lil Alla! Għal dawk it-tip ta’ awtoritajiet, iva, jiena lest li nissottometti ruħi b’ferħ bħalma tinkoraġġina biex nagħmlu l-Iskrittura! (Lhud 13:17, 1 Pietru 2, Rumani 13, 1 Timotju 3, eċċ)

Dan huwa x’qal l-Appostlu Pietru (dak illi il-Knisja Kattolika Rumana assumiet li kien l-ewwel Papa, jgħid lilna llum, u lil kull ġenerazzjoni):-

“Iżda Pietru, flimkien ma' l-appostli, wieġeb u qal: "Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.”(Atti 5:29).

Dan huwa dak li l-Appostlu Pawlu jgħid lilna u lill-ġenerazzjonijiet kollha li għad iridu jiġu:-

“Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta' Kristu.” (Galatin 1:10).

Għal dan kollu, jien kull ma rrid ngħid huwa dan: inħalli l-Kelma ta' Alla tiġġudika.

Nippreferi ħafn’aktar noqgħod fuq il-Kelma t’Alla milli fuq it-tradizzjonijiet tal-bniedem, li jikkontradixxu l-Kelma t'Alla u l-prinċipji ewlenin tagħha! Din hija deciżjoni li kull persuna trid tagħmel għaliha nnifisha!

Jiena għandi l-kmand li nħobb lil kulħadd u hekk nagħmel! Imma mkien m’għandi l-kmand li nemmen kull ħaga li nisma’, sempliċement għaliex xi ħadd għandu xi ‘titlu’ jew minħabba dak illi wieħed jista’ jaħseb jew għax it-tradizzjoni tal-knisja tagħna (jew kwalunkwe knisja) tgħid hekk! Ġesù pprefera l-Kelma t’Alla mit-‘tradizzjoni tal-knisja’ bla ebda nkwiet ta’ xejn, għalhekk lanqas jien m'għandi għalfejn ninkwieta. (Aqra Mark 7:4-13).

Kolossin 2:8, “Qisu li ħadd ma ijassarkom b'filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin, skond il-prinċipji tad-dinja u mhux ta' Kristu.”

1 Tessalonkin 5:19-22, “Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija, ippruvaw kollox: it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta' ħażen.”

1 Ġwanni 4:1-2, “Għeżież, mhux lil kull xorta ta' spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħargu fid-dinja. L-Ispirtu ta' Alla tagħrfuh b'dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla.”

1 Timotju 4:1-2, “L-Ispirtu jgħidha ċar li fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten. Dawn jisfaw mqarrqa minn nies giddieba, li għandhom il-marka tal-ħażen fuq il-kuxjenza tagħhom;”

2 Timotju 4:3, “Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ,…”

Nistgħu faċilment nirraġunaw u ngħidu, “Kif ma staħax Pawlu jċanfar lill-Papa, jekk tabilħaqq kien il-Papa?”

Minn din is-silta naraw b'mod ċar li Pawlu ma kienx jikkunsidra lil Pietru ‘ta’ fuqu’. Fil-fatt, f'din l-epistola jgħid, “għax Dak li ħadem b'Pietru u għamlu appostlu għal fost il-Lhud ħadem ukoll bija għal fost il-ġentili." (Galatin 2:8). Huma kienu jikkunsidraw lil xulxin “ugwali” anki minħabba l-fatt li l-appostli f' Ġerusalemm taw lil Pawlu l-id il-leminija tax-xirka.

Fit-taħdit dwar il-Pilastri tal-knisja, huwa jikteb, "meta għarfu l-grazzja li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u 'l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b'sinjal ta' l-għaqda ta' bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-ġentili u huma fost il-Lhud;" (Galatin 2:9).

Din hija skrittura mportanti ħafna. Turi biċ-ċar li kull appostlu kellu awtorità limitata. L-awtorità tagħhom ma kienitx universali. Pawlu ma użurpax l-awtorita’ ta’ l-appostli f’Ġerusalemm, iżda mbgħad huwa stenna lilhom li ma jużurpawx l-awtorità fuq il-knejjes ġentili li kien stabbilixxa hu. Din is-silta tixhed mingħajr l-ebda dubju, li ma kien hemm ebda mexxej “suprem totali u universali”. Huma kienu jmexxu fejn kienu jaħdmu. Jekk ma kienux jaħdmu f'ċertu reġjun, ma kienux jeżerċitaw l-awtorità tagħhom f'dak ir-reġjun. Sempliċi daqshekk!

Ejjew inħarsu ftit lejn in-noti mill-arkivji tal-‘Missirijiet tal-Knisja tal-Bidu’.

8. Dak li kienu jgħallmu l-Missirijiet tal-Knisja tal-Bidu dwar dan is-suġġett

Huwa ferm interessanti li wieħed jinnota dak li kienu jemmnu l-missirijiet tal-knisja, dwar il-kwistjoni ta’ ‘fuq min kienet mibnija l-knisja vera ’. Ebda wieħed mill-missirijiet tal-knisja tal-bidu ma fehem is-silta f’Mattew 16 kif tfissirha llum il-knisja Kattolika Rumana!

Illum il-ġurnata, Kattoliku Ruman sinċier isib ruħu f’diffikulta kbira meta jiġi biex jagħżel dak li ser jemmen. Se jżomm mat-tagħlim tal-Bibbja Mqaddsa – Il-Kelma t’Alla u l-missirijiet tal-knisja tal-bidu dwar din il-kwistjoni li ġġib firda, jew le?

Jekk Kattoliku Ruman onest jagħżel li jemmen il-Bibbja u l-‘missirijiet’ tal-knisja tal-bidu, li huma fi qbil wieħed u fi ftehim totali dwar din il-kwistjoni daqshekk importanti, huwa jirriskja li jkun miċħud u skomunikat mir-Reliġjon tat-tfulitu! Dan huwa dak li eluf ta’ nies kellhom jiffaċċjaw għal ħafna snin; iżda l-aħbar tajba ma tieqafx hemm.

Filwaqt li min-naħa, ir-reliġjon tiegħek tista’ tirrifjutak, żgur li sejjer issib id-dirgħin miftuħa mimlija mħabba ta’ Ġesu’ li dejjem se jkun hemm għalik, ħerqana li jirċievik għandu!

Dawn t’hawn taħt huma fatti li ħadd ma jista’ jiċħad, fi kliem von Dollinger stess, storiku magħruf sew u Kattoliku devot:

“Mill-missirijiet kollha li nterpretaw dawn il-passaġġi fl-Evanġelji (Mattew 16:18 u Ġwanni 21:17), l-ebda wieħed minnhom ma jassoċjahom ma’ l-Isqfijiet Rumani bħala s-suċċessuri ta’ Pietru. Kien hemm bosta missirijiet li mpenjaw ruħhom f’dawn it-testi, iżda l-ebda wieħed minn dawk li nippossjedu l-kummentarji tagħhom – Origen, Chrysostom, Hilary, Wistin, Cyril, Theodoret, u dawk li l-interpretazzjonijiet tagħhom huma miġbura f’Catenas ta' Ruma, ma jwasslu għall-konsegwenza tal-kummissjoni u l-wegħda lil Pietru!

L-ebda wieħed minnhom ma spjega illi l-blata jew fondazzjoni li Kristu kien se jibni l-Knisja fuqha, kien xi uffiċċju mogħti lil Pietru u li kellu jiġi trasmess lis-suċċessuri tiegħu, iżda l-konfessjoni tal-fidi fi Kristu; jew spiss it-tnejn f’daqqa.

Storiku ieħor rispettat ħafna u Kattoliku Ruman devot, Peter de Rosa, m'għandu problema ta’ xejn biex jaqbel mal-Kristjani li m’humiex Kattoliċi Rumani, li t-tagħlim tal-Reliġjon Kattolika Rumana dwar il-kwistjoni tal-papalità hija falza:

“Jista’ jkun ta’ xokk għalihom (il-Kattoliċi Rumani) meta jisimgħu li l-‘missirijiet’ il-kbar tal-Knisja ma raw l-ebda konnessjoni bejn Mattew 16:18 u l-Papa. L-ebda wieħed mill-‘missirijiet’ ma jassoċċja “Inti Pietru” ma ħadd ieħor ħlief Pietru... L-ebda wieħed minnhom ma jsejjaħ lill-isqof ta’ Ruma il-Blata jew jemmen illi l-wegħda tal-Muftieħ tapplika speċifikament għalih. Din hija tant xokkanti għall-Kattoliċi Rumani, li daqs li kieku ma kellhom isibu l-ebda riferiment tal-‘missirijiet’ tal-knisja bikrija, għal-Ispirtu s-Santu jew il-qawmien tal-mejtin...

Għall-Missirijiet, hija l-fidi ta’ Pietru – jew inkella l-Mulej li fih Pietru kellu l-fidi - li tissejjaħ il-Blata, mhux Pietru ‘nnifsu. Il-Kunsilli kollha tal-knisja minn Niċea fis-seklu erbgħa sa Kostantinu fis-seklu ħmistax, jaqblu illi “KRISTU NNIFSU huwa l-UNIKA pedament tal-Knisja, jiġifieri, il-Blata li fuqha tistrieħ il-knisja.”

*KRISTU NNIFSU HUWA L-UNIKA FONDAZZJONI TAL-KNISJA, JIĠIFIERI, IL-BLATA LI FUQHA TISTRIEĦ IL-KNISJA.*

"... L-ebda wieħed mill-‘missirijiet’ tal-knisja tal-bidu ma jitkellem dwar it-trasferiment ta' setgħa minn Pietru għas-suċċessuri tiegħu ... m'hemm l-ebda ħjiel ta' xi uffiċċju kontinwu ta’ Pietru."

“Mela allura l-knisja tal-bidu ma kienitx tħares lejn Pietru bħala Isqof ta’ Ruma, u għaldaqstant, lanqas ma kienet taħseb li kull Isqof ta' Ruma kien is-suċċessur ta’ Pietru ... Il-Vanġeli ma ħolqux il-papalità; il-papalità, ladarba bdiet teżisti, daret għall-appoġġ minn fuq il-Vanġelji (għalkemm ma kienx hemm).”

B'mod ċar, meta wieħed iħares b’onesta’ lejn l-istorja ta’ kif u għalfejn il-papalità kienet ġiet stabbilita, isir evidenti li dan l-uffiċċju ġie kreat ħafna żmien wara li stabbilixxiet ruħha l-knisja vera ta' Kristu ... u l-għan prinċipali ta’ dan l-uffiċċju ma kienx għax ħass il-bżonn li jara l-mitlufa salvati jew biex tinxtered l-imħabba ta’ Kristu ma’ dawk li huma mweġgħin u fil-bżonn, iżda għall-kuntrarju ta’ dan, sabiex jikkontrolla l-masses bis-setgħat governattivi u politiċi!

9. Pietru Isqof jew Papa?

Meta taqra bir-reqqa tibda tifhem, li filfatt Ġesu’ Kristu kellu l-intenzjoni li Pietru jkun Isqof (ragħaj jew wieħed mibgħut) fuq xogħol speċifiku li Hu appuntaħ biex iwettaq, madankollu dik ta’ Papa b’kontroll totali fuq l-Isqfijiet, jew fi kliem ieħor, l-Appostli l-oħra, ma tidher imkien fl-Iskrittura.

Nistgħu ngħidu sempliċement illi jekk il-Kattoliċiżmu Ruman jirrikjedi li jkollu Papa, mela ħallihom ikollhom wieħed (avolja li din mhux ibbażata fuq l-Iskrittura...bħal ħafna tagħlim ieħor fi ħdan il-Kattoliċiżmu ta' Ruma).

Skond ir-riċerka Biblika, fatti, u evidenza, m'hemm l-ebda evidenza valida li Ġesù ħatar lil Pietru bħala Papa u lanqas u bl-ebda mod ma Pietru kien Il-Blata li fuqha Ġesù bena u qed ikompli jibni l-Knisja tiegħu!

Hija aċċettabbli, iva, li bħalma tgħid l-Iskrittura f’ħafna postijiet, Pietru kien wieħed mill-appostli fundaturi tal-knisja tal-bidu. Madankollu, [u]il-Ġebla tax-Xewka tal-Knisja hija bla ebda dubju, l-Iben Etern t’Alla l-Ħaj, Ġesù Kristu nnifsu! [/u] Pietru għalhekk, jista’ jitqies bħala parti mportanti ta' l-ewwel 'filata' fuq Il-pedament tal-Knisja li għadha qiegħda tinbena fuq il-Ġebla tax-Xewka għal dawn l-aħħar elfejn sena.

Efesin 2:19-22, “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta' Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien ta' l-appostli u tal-profeti, [u]fejn Kristu hu l-Ġebla tax-xewka. [/u] Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla' f'tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f'dar fejn jgħammar Alla.”

1 Korintin 3:11, “Pedament ieħor ħadd ma jista' jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan (Il-Pedament uniku) hu Ġesù Kristu.”

Il-kelma tiegħi ta’ nkoraġġiment u ta’ mħabba lil-aħwa kollha tiegħi fi Kristu, lil’hinn minn kull tip ta’ denominazzjoni minn madwar id-dinja kollha, hija din: Itolbu għall-poplu Kattoliku Ruman u ħalluhom jaraw fikom l-imħabba ta’ Kristu u l-qawwa tas-Salvatur Rxoxt u Rebbieħ! (il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn in-nies daqshekk prezzjużi qatt ma raw xejn aktar ħlief ritwali mejta u bla ħajja).

Itolbu wkoll, hekk kif imexxikom il-Mulej, għall-Papa tagħhom, biex Alla jżomm idu fuqu u jużah sabiex iwassal lil Kristu f’dinja mimlija tbatijiet u mewt, speċjalment f’postijiet fejn l-ebda Kristjan ieħor ma jista’ jmur! Wara kollox jekk il-Kristjani li jemmnu fil-Bibbja, jemmnu wkoll li l-ebda knisja ma tista’ ssalvak, mela din ma tibqax tapplika biss għall-Knisja Kattolika Rumana, iżda għal kull u kwalunkwe Knisja (jew denominazzjonali) oħra! (Rumani 13, 1 Timotju 2:1-5).

“Tassew li dan xi wħud jagħmluh imqanqla mill-għira u l-pika, imma l-oħrajn lil Kristu jxandruh minn qalbhom. Dawn ta' l-aħħar jaħdmu bl-imħabba, għax jafu li jiena magħżul biex niddefendi l-Evanġelju; l-oħrajn, imma, lil Kristu jxandruh imqanqlin mill-għra, b'fehma mdennsa, u jistħajjlu li b'hekk se jtaqqluli l-ktajjen. X'jimporta? Hekk jew hekk, sew jekk b'fehma safja u sew jekk le, basta jixxandar Kristu; u b'dan jien nifraħ, iva, u nibqa' nifraħ.” (Filippin 1:15-18).

10. Kelma mingħand l-Appostlu Pietru!
(…jew skond il-Kattoliċiżmu Ruman, il-Papa!)

“..Din hi l-kelma ta’ l-Evanġelju li kien imxandar lilkom.”

“Warrbu, mela, 'l bogħod minnkom kull ħażen u kull qerq; warrbu l-wiċċ b'ieħor, u l-għira u kull xorta ta' tqassis. Bħal trabi tat-twelid, ixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni,jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej.” (L-Appostlu Pietru hawnhekk qed jgħid b’mod ċar illi hija permezz tal-Kelma t’Alla li bniedem jista’ jikber fil-maturita’ ma’ Kristu u mhux għax jiffrekwenta xi knisja partikolari...iktar u iktar meta din it-tip ta 'knisja, jiddispjaċini ngħid, ma saretx iktar ħlief 'mużew ta l-antikita').

[Pietru jwiddibna:]

“[u]Ersqu, mela, lejh (lejn Kristu Ġesu - mhux lejn Pietru), li hu dik il-ġebla ħajja[/u] li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu.”

“Għax hekk hemm miktub fl-Iskrittura:”
“Jien inqiegħed f’Sion (Il-Knisja t'Alla) [u]Ġebla tax-xewka, magħżula u għażiża[/u], min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad”. Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa gieħ! Għal dawk li ma jemmnux, [u]din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka [/u]u ġebla ta’ tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla; għal dan kienu ddestinati. Imma intom (ilkoll) ġens maħtur, (ilkoll) saċerdozju rjali, (ilkoll) nazzjon qaddis, (ilkoll) poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta' dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta' Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu.” (1 Pietru 2:1-10).

J’Alla dawk kollha li verament jemmnu fi Kristu, jagħrfu (u jqiegħdu l-preġudizzju denominazzjonali tagħhom fil-ġenb) illi l-Kristjani veri huma dawk kollha li f’ħajjithom jimxu verament wara Kristu, u dan, irrespettivament minn kwalunkwe denominazzjoni Kristjana!

Meta Alla jħares l-isfel mis-Smewwiet, Huwa jara ħaga waħda biss, Familja waħda, Għarusa waħda, il-Knisja tiegħu, [u]il-Knisja Waħdanija[/u] - li hija magħmula minn dawk kollha li jsejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu bħala l-Mulej u s-Salvatur personali tagħhom.

Din il-Knisja vera hija mibnija fuq din il-Blata – ĠESU’ KRISTU!

Category: Articles - Tags: maltese, malti, blata, pietru, papa