L-aktar ħaġa li aħna nistgħu niskopru lil Alla minnha hija żgur Il-Bibbja- Il-Kelma Mqaddsa. Fiha Alla rrevelalna lilu nnifsu b'l-aktar mod ċar biex aħna nkunu nistgħu nsiru nafuh personali u nafu sew il-pjan tiegħu għalina. Ġesu qalilna li jekk aħna nżommu l-Kelma tiegħu aħna nsiru nafu tassew il-verita’. Issa, aħseb daqsxejn. Ġesu Hu kemm "il-verita’' u "Il-Kelma (jew il-Verb) (Ġwanni 1:1,14).

"Ġesu' qal lil-Lhud li emmnu fih: "Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verita’ u l-verita’ teħliskom." (Ġwanni 8:31-32).

"Wieġbu Ġesu': "Jiena hu t-Triq, Jien Hu il-Verità u Jien Hu l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi." (Ġwanni 14:6).

Jidher ċar li Ġesu Hu Il-Verita’ u Hu Il-Kelma. Huwa pjuttost impossibli li wieħed jiskopri tassew lil Ġesu jekk ma jkunx jaqra, jisma u jimxi mal-Kelma. Meta aħna nimxu mal-Kelma nkunu qiegħdin nimxu mal-Verita’, meta rridu tassew niskopru il-verita’ (Il-Verita’) irridu bilfors induru u nħarsu mkien iktar ħlief lejn il-Kelma. Meta niskopru il-verita’ (Il-Verita’) mil-Kelma, niskopru lil Ġesu! Ġesu jgħidilna ċar li l-bniedem jgħix mhux biss bil-ħobż u l-ilma imma bil-Kelma t'Alla (Ara Mattew 4:4).

Infatti skond il-Kelma t'Alla dak li jqis lilu nnifsu bħala wieħed li jimxi wara Kristu tassew, irid jikber billi jiġi mitmuħ il-Kelma t'Alla. Mhux ta' b'xejn li ħafna nies li anke jattendu "knejjes' jew xi "gruppi' ta' talb, jibqgħu trabi spiritwalment u "karnali'-jgħixu skond il-ġibdiet tal-ġisem, għax m'humiex jimxu mal-Kelma t'Alla, li hija l-kelma li jsostnihom spiritwalment.

Għalhekk jibqu "telliefa' fil-mixja tagħhom bħala Kristjani, milli jikbru u jimmaturaw u jitgħallmu jkunu tassew rebbieħa permezz ta' Kristu u l-Kelma tiegħu. "Bħal trabi tat-twelid, ixxennqu għall-ħalib safi tal-Kelma (t'Alla), il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni," (1 Pietru 2:2)

"L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta' Alla jkun perfett(matur), mħejji għal kull ħidma tajba." (2 Timotju 3:16-17).

Skond kliem Ġesu jidher ċar li aħna li rridu nitqaddsu u nkunu nixbħu u nogħoġbu lil Alla ta'kulljum, irridu nitqadsu permezz tal-Kelma tal-Mulej.

"Qaddishom permezz tal-verita’; il-kelma tiegħek hi l-verita’." (Ġwanni 17:17).

Il-Kelma t'Alla ma' tista qatt tiġi irriplaċjata' mat-tradizzjonijiet tal-bniedem. Hemmhekk tkun litteralment u direttament qiegħed tirriġetta mhux biss il-Kelma t'Alla imma lil Ġesu nnifsu. Ma tista qatt tpoġġi l-opinjoni ta’ l-ebda bniedem, hu min hu, minflok il-Kelma ta’ Kristu. Qatt ma nistgħu nifirdu lil Ġesu u l-Kelma tiegħu. Dawn huma inseparabli għax huma Wieħed!

Il-Mulej jagħtina direzzjonijiet ċari fil-Kelma tiegħu x'għandna nagħmlu bil-Kelma t'Alla.

Il-Kelma t'Alla għandna naqrawha: "U jżommha (Il-Kelma t'Alla) dejjem għandu u jaqraha l-jiem kollha ta' ħajtu, biex jitgħallem jibża' mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu ta' din il-liġi u dawn l-istatuti, biex iħarishom." (Dewterinomju 17:19). (Ara wkoll 2 Timotju 3:16-17)

(Fil-King James version tgħid, "To study the Word")

"Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-knisja ta' Laodiċija u intom taqraw l-ittra ta' Laodiċija." (Kolossin 4:16).

"Bil-qawwa kollha nitlobkom f'ġieħ il-Mulej li taqraw din l-ittra lill-aħwa kollha." (1 Tessalonkin 5:27).

Waħdek fittex u studja dawn l-iskritturi (Esodu 24:7, Dewterinomju 31:11, 2 Slaten 23:2, Nehemija 8:8,18 u kap.9:3 u kap.13:1, Luqa 4:16, Kolossin 4:16, 1 Tessalonkin 4:27).

Il-Kelma t'Alla għandna nimmeditawha: "Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa; imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f'kull ma jagħmel" (Salmi 1:1-3).

"Ma jitbiegħed qatt il-ktieb ta' din il-liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kull ma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f'għemilek u jkollok ir-riżq." (Ġożwe 1:8).

Il-Kelma t'Alla għandna nistudjawha: "Esdra kien ingħata minn qalbu għall-istudju tal-Liġi tal-Mulej, għall-osservanza tagħha, u għat-tagħlim tad-digrieti u l-preċetti tagħha lil Iżrael." (Esdra 7;10).

"Agħmel mill-aħjar (biex tistudja) biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m'għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verita’." (2Timotju 2:15).

Il-Kelma t'Alla għandna nipridkawha: "Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesu', li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f'isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa (mill-verita’) biex jiġġerrew wara l-ħrejjef." (2 Timotju 4:1-4).

Waħdek fittex u studja dawn l-iskritturi: Mark 2;2, Atti 14:24 u kap.15:35-36, 1 Korintin 15:2, 1Pietru 1:25.

Il-Kelma t'Alla għandna nipprattikawha: "Għalhekk, kull min jisma' dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbaħ lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat" (Mattew 7:24).

It-tradizzjonijiet li jgerbu fuqna maż-żminijiet m'għandiex nagħtuhom il-post li aħna għandna nagħtu l-Kelma t'Alla għaliex inkella naqgħu f'l-ereżijiet, gideb u ħrejjef li ma jwassluna mkien ħlief ħela ta' ħin u ħela ta' ħajjitna. Ġesu jgħidilna ċar li l-ebda tradizzjoni m'għanda tiġi mogħtijja importanza bħal jew daqs il-Kelma t'Alla. It-tradizzjonijiet tal-bniedem jitbiddlu u "ddbiddlu maż-żminijiet iżda l-Kelma t'Alla ma tinbidel qatt.

"Qisu li ħadd ma ijassarkom b'filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin, skond il-prinċipji tad-dinja u mhux ta' Kristu." (Kolossin 2:8).

"Iżda hu weġibhom: "Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta' wiċċ b'ieħor, bħalma hu miktub, bix-xufftejn biss jagħtini Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta' Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin." U qalilhom: "Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta' Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom... u hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta' Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu." (Mark 7:6-13).

"Timotju, ħares sewwa dak li kien fdat f'idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet ta' l-għerf falz, li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-fidi." (1 Tomotju 6:20).

"Aħrab it-tpaċpiċ fieragħ u ħażin, għax dawk li jitkellmu hekk jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar u kliemhom jinfirex bħal kankrena. Minn dawn huma Imeni u Filetu, li tbiegħdu mill-verita’ għax qegħdin jgħidu li l-qawmien mill-imwiet ġa sar u qegħdin iħawwdu l-fidi f'xi wħud. Imma s-sies qawwi, li Alla qiegħed, iżomm sħiħ, u fuqu għandu dan is-siġill: "Il-Mulej jagħraf dawk li huma tiegħu?" u wkoll: "Ħa jitwarrab mill-ħażen kull min isejjaħ isem il-Mulej?" (2 Timotju 2:16-19).

"Ġesu qal lil-Lhud li emmnu fih: "Jekk iżżommu fil-KELMA TIEGĦI, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verita' u l-verita' teħliskom." (Ġwanni 8:31-32).

Category: Articles - Tags: malti, maltese, bibbja, bible