Riflessjoni fuq il-ħajja u l-mewt

X’jiswielek li int avukat jekk wara mewtek ma tistax tiddefendi l-kawża tiegħek?
X’jiswielek li għandek bosta ħbieb, jekk wara mewtek kollha jinsewk?
X’jiswielek li inti arluġġar, jekk wara mewtek ma tkunx tista’ tmexxi “l quddiem jew lura, mqar għal sekonda waħda, l-arloġġ ta’ l-eternità”?
X’jiswielek li inti bennej tajjeb, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi tneħħi minn fuqek dawk l-erba’ xorok li jkunu jgħattuk?
X’jiswielek li għandek persuntek sabiħa, jekk wara mewtek issir tant ikraħ li jfittxu jaħbuk fit-trab?
X’jiswielek li għandek flus kemm trid, jekk wara mewtek ma tkunx tista’ ssarrafhom fil-Bank tal-Ġenna?
X’jiswielek li għandek xagħrek sabiħ, jekk wara mewtek, jew forsi qabel ukoll, jaqgħalek kollu?
X’jiswielek li inti nobbli u għani, jekk wara mewtek tindifen bħal min hu fqir u għadmek jitħallat ma’ ta’ ħaddieħor?
X’jiswielek li int tabib, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi trodd is-saħħa lilek innifsek?
X’jiswielek li għandek pożizzjoni għolja fid-dinja, jekk wara mewtek trid tidher quddiem Alla li quddiemu m’hemmx rispett ta’ persuni?
X’jiswielek li inti nutar tajjeb, jekk ma tistax tagħmel kuntratt biex wara mewtek tmur il-Ġenna?
X’jiswielek li inti tikkmanda u tbeżża’ lil kulħadd, jekk wara mewtek ma tkunx kapaċi tikkmanda d-dud li jkun għaddej minn fuqek?
X’jiswielek li inti għandek vista tajba, jekk wara mewtek ma tarax il-ġmiel tal-Ġenna?
X’jiswielek li tgħammar f’dar kbira u komda, jekk wara mewtek ikollok tgħammar f’qabar ta’ sitt piedi?
X’jiswielek li dejjem tixxala u tiddeverti, jekk wara mewtek ikollok tibqa’ f’pożizzjoni waħda?
X’jiswielek li tilbes ilbies sabiħ u jiswa ħafna, jekk wara mewtek ma jkollok xejn ħlief it-trab?
X’jiswielek li inti maġistrat, jekk wara mewtek ikollok toqgħod għas-sentenza ta’ Dak li ebda bniedem ma jgħaddiha lixxa miegħu?
X’jiswielek li inti mużiċista, jekk wara mewtek ma tistax tisma’ l-kant tal-anġli?
X’jiswielek li tgawdi fama tajba fid-dinja, jekk wara mewtek issib fama ħażina quddiem min ħalqek?
X’jiswielek li inti ddawwar lil bosta għat-triq it-tajba, jekk ma ssalvax int?
X’jiswielek li inti negozjant tajjeb, jekk wara mewtek issib li ħallejt żmienek jgħaddi għalxejn?
X’jiswielek li kull fejn tmur tiġi milqugħ b’unuri, jekk wara mewtek Ġesù ma jilqgħekx?
X’jiswielek li taqra dan kollu u ma tiddeċiedix li tbiddel ħajtek illum?

“F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.” (Atti 4:12)

"Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?" (Luqa 9:25)

"Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?" (Mark 8:35-36)

Miktub minn Elaine Muscat (River of Love – Malta, Awissu 2009)

'Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? '

Mattew 16:26

Address

River of Love Christian Fellowship, Gondolier, Tarxien Road, Għaxaq, GXQ 2902, Malta, (EU)

Phone

Mobile: +356 9923 9132
Phone: +356 2748 3748

E-mail

riveroflovemalta@gmail.com

Proclaiming A Living Christ To A Hurting World!

© Copyright 2025 - River Of Love Christian Fellowship - All Rights Reserved

We use cookies to give you the best experience. Read our cookie policy.